Jum ir-Riflessjoni

Ex-blogger Antoine Cassar posted this poem earlier on my blog. I think it would be a waste to let it get lost among the myriad other comments. I love it, and it leaves much to ponder upon. 

JUM IR-RIFLESSJONI
Antoine Cassar

Għada l-elezzjoni…
Jiena, Malti ta’ barra
u barrani ta’ ġewwa,
wara nofs ħajja
f’eżilju bl-addoċċ
nissindika mill-bogħod,
jirriżulta
li għada se nixħet
għall-ewwel darba l-vot.

Jum ir-riflessjoni…
Passiġġata fil-Belt,
qassata, ir-rassa
tan-nies, paqqa
wara paqqa,
nieqaf ħa nieħu nifs
fejn it-teatru mwaqqa’
biex bilqiegħda
il-kummiedja nosserva.

Tant tgħallimt u tħawwadt
mit-tagħjir u l-għajat bla għadd
li ħsiebi rabba s-sura
ta’ qrun iċ-ċerva…
waqt li f’qorrigħat in-nies
nissemma’ bejn il-partiti
jissokta t-tpartit
ta’ semm is-suppervja.

Mur semma’ leħnek
f’nofs dil-ħerba,
frattarija u ċaqċiq!
Għada nivvota nixtieq…

Nivvota nixtieq,
f’pajjiż fejn l-ilsna klubija
ma jaħlux ta’ kuljum ir-riq
isewdu t-triq bi mxija
li minnha ħadd ma jfiq…

Nivvota nixtieq,
f’pajjiż fejn il-blu jfisser
baħar u sema
u xejn iżjed minn baħar u sema,
fejn l-aħmar ma jfissirx dmija,
fejn fil-kamra ta’ l-imtallgħa
darba, darbtejn u mija
jintwera u jinstema’
kull lewn tal-qawsalla…

Nivvota nixtieq, f’pajjiż
fejn jesgħu l-forsi, l-aktarx,
l-għandu mnejn, il-jalla,
fejn nista’ nagħżel li nagħżel,
fejn min b’fommu jwiegħed l-għasel
ma jirfisx l-għada kull warda
b’siequ mmarrda,
biex fuqha jkompli jkabbar
ix-xehda tal-ġebel misruq
mill-għelieqi bla għeluq
u jżid id-diqa tad-djuq…

Nivvota nixtieq,
f’pajjiż li nista’ nsemmi
bla geddum u bla ċiera,
fejn ma nibqgħux niksu l-madum
b’daqstant simboli fiergħa,
fejn il-ħaddiem huwa l-imgħallem,
fejn l-għalliem ma jibżax jgħallem,
fejn qajla jkollhom
x’jitħabtu l-infirmiera,
fejn it-tadam jibqa’ jkollu
togħma ta’ tadam,
fejn idejn min jaħrat l-art
jiswew daqs is-subgħajn ratba
ta’ min id-destin jiffirma f’salt,
fejn fil-ħolm ikreh ta’ kull ħames snin
ma nibqax nara gżiriti
bejn ħalla u ħalla
bħal dgħajsa bil-falla
tbaħħar ma’ xifer belliegħa ġo
belliegħa ġo
belliegħa bla
fond, bla
qiegħa…

Għalhekk għada jiena l-unu nixtieq nagħti
lil min hu ħati li jbati
il-moħqrija taċ-ċnagen,
l-iskieken sfiqa tad-dħaħen,
l-unu nixtieq nagħti
lil ħija, lil sieħbi,
lil nannti, lil qaribi,
lis-sinjura fuq ir-radju
itgemgem b’leħen kiebi,
lill-furnar, lis-sajjied,
lit-tfal jilagħbu fil-wied,
lill-bilbla tpassi fis-skiet,
lil dil-kilba għal niskata arja
f’nofs il-ħamba ta’ l-ibliet,
iżda fuq kollox, għada
l-unu nixtieq nagħti
lill-pittur li b’kull kulur
tat-tavlozza jiżbogħ it-tila
tonda, fonda, b’mitt
tiżwiqa mogħnija,
u kburija bħal bandiera
fuq ras it-tripied.

6 responses to “Jum ir-Riflessjoni

  1. Sabiha. Ma fhimt xejn imma sabiha.

  2. Poeta kbir Antoine!

  3. Hemm hu Twanny 🙂 Proset xbin… mhux difficli biex tifimha ‘musmar’… ta’ Twanny trid taqra s-sunetti b’xi 4 lingwi differenti go xulxin biex iggib ghajnejk wara widnejk 🙂

  4. prosit antoine… ghogbitni hafna… hafna mill-affarijiet li semmejt ghaddew minn mohhi jiena u nikkjuwwa biex nivvota… jiena stess ma kontx inkun kapaci nesprimi dak li hassejt b’mod ahjar minn kif ghamilt int…

  5. A right poem.

    But wrong island.

    Try next door.

  6. Nies, grazzi ta’ l-apprezzament.

    Bertu, qed teżaġera ftit (!) Baqagħli ħafna u ħafna x’naqdef.

    L-agħar ħaġa hi li daqs ħames snin oħra, jew għaxra jew għoxrin, il-messaġġ tal-poeżija se jibqa’ jgħodd.

    Reżistenza kreattiva…

Leave a comment